Olimpijadi TOKYO 2020
Żewġ atleti paralimpiċi Afgani jinqabdu Kabul qabel it-titjira għal Tokjo … ħolma li ser ittir mar-riħ

Dak li qiegħed iseħħ fl-Afganistan bħalissa qiegħed jaffettwa lill-atleti paralimpiċi li kienu mistennija jaslu Tokjo fil-jiem li ġejjin biex jieħdu sehem fil-Paraolimpjadi. Jidher li ż-żewġ atleti Afgani li kienu ser jieħdu sehem jinsabu maqbuda fil-kapitali Kabul u mhux ser ikunu jistgħu jivvjaġġaw biex jieħdu sehem. Fost dawn l-atleti hemm ukoll mara, li fl-aħħar għoxrin sena, kellhom diversi drittijiet li iżda issa qed iħossu li jinsabu mhedda taħt it-tmexxija tat-Taliban.

Skont il-President tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali Andrew Parsons, ser tkun pjuttost impossibbli għall-atleti Afgani biex jaslu Tokjo minħabba s-sitwazzjoni preżenti fl-ajruport ta’ Kabul. Il-Logħob Paralimpiku mistenni jibda fl-24 ta’ dan ix-xahar, u kemm Zakia Khudadadi kif ukoll Hossain Rasouli kienu mistennija jaslu fil-kapitali Ġappuniża matul il-ġurnata tal-bieraħ.

Fl-aħħar sigħat, l-atleta tat-Taekwondo Khudadadi tellgħet video fuq il-midja soċjali fejn talbet bil-ħerqa għall-għajnuna sabiex hi u l-kompatrijott tagħha jagħmlu l-vjaġġ biex iwettqu l-ħolma ta’ ħajjithom. Skont Parsons, il-fatt lil Khudadadi kienet ser tkun l-ewwel mara Afgana li tieħu sehem fil-Paraolimpjadi juri kemm il-pajjiż mexa ‘l quddiem fl-aħħar snin, imma ma setax ma jħossx għaliha li l-ħolma tagħha qed ittir mar-riħ ma’ kull siegħa li tgħaddi.

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA