Motorsport
Żewġ sewwieqa jgħodduha b’waħda wara ħabta bejn sitt karozzi fid-W Series fi Spa Francorchamps

Is-sewwieqa Ayla Agren u Beitske Visser jistgħu jgħodduha b’waħda wara li fil-kwalifikazzjoni tad-W Series fi Spa Francorchamps spiċċaw involuti f’inċident xejn sabiħ. B’kollox kien hemm sitta sewwieqa involuti, li iżda erbgħa minnhom fortunatament ma kellhom l-ebda ġrieħi.

Kollox beda meta s-sewwieqa kienu qed isuqu l-karozzi b’tyres għat-tarmak niexef u qabdet nieżla x-xita. Fid-dawra t’Eau Rouge, Ayla Agren, Beitske Visser, Belen Garcia, Fabienne Wohlwen, Abbie Eaton u Sarah Moore kollha tilfu l-kontroll tal-karozza tagħhom u baqgħu deħlin f’xulxin fil-barrikati ta’ Raidillon.

It-tellieqa kienet sospiża għal nofs siegħa u kompliet wara li s-sewwieqa kollha ngħataw l-attenzjoni medika u l-karozzi flimkien mal-fdalijiet tagħhom tneħħew minn fuq iċ-ċirkwit.

Fl-aħħar snin, iż-żona ta’ Eau Rouge u Raidillon kienu kkritikati għall-inċidenti li jseħħu fihom, u l-kritika żdiedet wara li fl-2019 tilef ħajtu Anthoine Hubert f’tellieqa tal-Formula 2.

Ayla Agren u Beitske Visser kellhom jittieħdu l-isptar għall-kura, bit-tnejn li huma jiġu rrilaxxati sigħat wara l-inċident.

 

 

 

Miktub minn...
Chris Falzon
Ġurnalist ta' TVM Sport. Isegwi l-isport lokali u internazzjonali. Isegwi u jirrapporta l-futbol lokali u internazzjonali. Huwa parti mit-tim tal-produzzjoni tal-programm 90 MINUTA