Futbol internazzjonali
Zidane jħabbar li dan hu l-aħħar staġun tiegħu ma’ Real Madrid…fl-Italja u fi Spanja ċerti li se jkun il-kowċ ta’ Juventus fl-istaġun li ġej

Ftit tas-sigħat ilu, Zinedine Zidane ħabbar li dan se jkun l-aħħar staġun tiegħu ma’ Real Madrid.

Zidane qal li anki jekk Real Madrid jirnexielhom jirbħu l-kampjonat La Liga, il-kowċ tal-Los Blancos fl-istaġun li ġej mhux se jkun hu.

Real Madrid jinsabu fit-tieni post tal-klassifika bi 78 punt, tnejn inqas minn Atletico Madrid meta fadal żewġ partiti x’jintlagħbu.

Kemm dam ma’ Real Madrid, Zidane rebaħ il-kampjonat Spanjol darbtejn u tliet darbiet il-UEFA Champions League.

Il-kuntratt ta’ Zidane jintemm fix-xahar id-dieħel.

Ta’ 48 sena, Zidane huwa l-favorit li mill-istaġun li ġej jinħatar kowċ ta’ Juventus minflok Andrea Pirlo.

Anki jekk xejn mhu uffiċjali, il-media Taljana u Spanjola tinsab ċert minn dan u qed tirraporta l-aħbar bi prominenza.

Dan se jkun ifisser ir-ritorn lura ta’ ‘Zizou’ f’Turin wara karriera spettakolari ta’ plejer mal-Bianconeri.

Miktub minn...
TVM Sport