40 Sena Repubblika – SkedaSajf

Fit-13 ta’ Diċembru 1974, għaxar snin wara l-kisba tal-Indipendenza, il-Parlament Malti wettaq pass ieħor fl-iżvilupp kostituzzjonali tal-pajjiż hekk kif b’maġġoranza kbira ivvota favur li Malta ssir Repubblika u b’hekk taqta’ darba għal dejjem ir-rabta mal-monarkija.

Id-dokumentarju ’40 sena Repubblika’ li se jixxandar f’erba’ episodji fuq TVM min-nhar it-Tnejn li ġej, janalizza x’wassal biex ittieħed dan il-pass storiku.

Id-dokumentarju jinkludi siltiet minn intervisti u diskorsi li kienu taw protagonisti  bħal Sir Anthony Mamo, Dom Mintoff, George Borg Olivier u Anton Buttigieg.  Dawn id-dokumenti storiċi huma kkumplimentati bir-rakkonti ta’ protagonisti oħra li mhux biss għexu dawk iż-żminijiet iżda wkoll li kkontribwew bis-sħiħ fin-negozjati bejn Gvern u Oppożizzjoni sabiex il-kostituzzjoni tal-Indipendenza kienet emendata b’appoġġ qawwi.  Issir ukoll analiżi minn storiċi ewlenin li għandhom opinjonijiet differenti dwar kif seħħ l-iżvilupp kostituzzjonali u politiku ta’ Malta.

Fl-episodju ta’ nhar it-Tnejn 24 ta’ Novembru jiġi analizzat għaliex fl-1964 Malta baqgħet monarkija bir-Reġina Eliżabetta I ta’ Malta bħala l-Kap tal-Istat.  Issir analiżi kritika tal-ewwel snin ta’ Malta indipendenti u ta’ kif il-Malta Labour Party baqa’ jisħaq li għandhom jinbidlu t-Trattat tad-Difiża u l-Ftehim Finanzjarju li l-Prim Ministru George Borg Olivier kien laħaq mal-Ingliżi.

40 sena Repubblika huwa riċerkat u miktub minn Mario Xuereb għall-Public Broadcasting Services u l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN