Culhat al Belt

Fl-ewwel ċentinarju mis-Sette Giugno, Television Malta jippreżenta dokumentarju storiku dwar dak li seħħ f’Malta bejn tmiem l-1918 u l-ewwel sitt xhur tal-1919.  Imsejjes fuq ix-xhieda ta’ persuni li għexu direttament dawk il-ġrajjiet, id-dokumentarju jipproponi li l-protesti tas-7 ta’ Ġunju 1919 kienu premeditati.  Jsostni wkoll it-teżi li f’dawk ix-xhur, il-protesti fil-Belt Valletta kienu pjuttost komuni hekk kif Maltin minn klassijiet soċjali differenti, inkluż ħaddiema u studenti, kienu jsemmgħu leħinhom dwar l-għelt tagħhom.  Maqsum f’erba partijiet, kull episodju jibda b’esperjenza jew tnejn ta’ individwi li għexu s-Sette Giugno.

Fost l-oħrajn  is-Supretendent tal-Pulizija Ruggiero Lapira jirrakkonta x’seħħ fil-Belt fil-25 ta’ Frar; l-iskrivan tal-Gvern Henry Casolani jwissi dwar “forza sigrieta” li kienet hejjiet pjan għal protesti kbar fil-Belt Valletta għas-7 ta’ Ġunju; l-istudent Joseph Manche jirrakkonta kif ra s-suldati Ingliżi jiftħu n-nar fuq il-folla tal-Maltin fi Triq l-Ifran u qatlet żewġ Maltin; u l-martri Carmelo Abela jirrakkonta minn fuq is-sodda tal-mewt dwar kif safa vittma ta’ daqqa’ ta’ bajonetta quddiem Palazzo Ferreria nhar il-Ħadd 8 ta’ Ġunju filgħaxija.  Id-dokumentarju huwa mżewwaq ukoll b’intervisti ma’ storiċi u b’anedotti partikolari u uniċi minn qraba ta’ persuni li għexu l-ġrajjiet tas-Sette Giugno.

‘Culhat al Belt’ huwa dokumentarju bi produzzjoni eżekuttiva ta’ Mario Xuereb f’isem Television Malta b’kollaborazzjoni mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, Heritage Malta u l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.

Episode #4

Għaxar siegħat wara li qala’ daqqiet ta’ bajonetta f’żaqqu u spiċċa bi msarnu barra fuq it-taraġ tat-Teatru Rjal, il-Malti Carmelo Abela jinsab rikoverat fil-qiegħ ta’ sodda fl-Isptar Ċentrali tal-Floriana, u jagħmel stqarrija quddiem il-Maġistrat Gio. Batta Mifsud. Abela jgħid li kien jaf li se jmut għax il-feriti kienu gravi ħafna. Huwa kien ċertifikat mejjet il-Ħadd ta’ wara – fil-15 ta’ Ġunju. F’dan ir-raba’ u l-aħħar episodju insegwu kif il-protesti mdemmija tas-Sibt 7 ta’ Ġunju inbidlu fi vjolenza u serq bla rażan sal-Ħadd 8 ta’ Ġunju filgħaxija hekk kif ġew attakkati Palazzo Ferreria (id-dar tal-familja Francia) fil-Belt u l-imtieħen u l-fabbrika tan-negozjant Louis Farrugia fil-Ħamrun. Is-serq u l-vjolenza komplew anki fil-jiem ta’ wara, mir-Rabat sa Ħal Luqa u ż-Żejtun. Il-ġurnalist Mario Xuereb jintervista lill-imprenditur Louis Farrugia, neputi ta’ Luigi Farrugia li sofra tant ħsarat fil-propjetà tiegħu u jurina wkoll kaxxaforti li s-seftura Teresa Gauci salvat mill-qilla tal-Maltin u li għadha teżisti sal-lum. Fl-aħħarnett huwa juri kif dak li seħħ f’Malta fl-1919 jixbah ħafna dak li seħħ fl-Indja, fl-Eġittu u fl-Irlanda – tliet irkejjen oħra fl-Imperu Ingliż, f’dawk l-istess xhur. Bl-għajnuna ta’ diversi storiċi Xuereb jispjega kif il-ġrajjiet tas-Sette Giugno, ħaffew il-proċess iżda mhux biddlu l-kors tal-iżvilupp kostituzzjonali ta’ Malta. Id-dokumentarju huwa produzzjoni tal-Public Broadcasting Services b’kollaborazzjoni mal-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta, Heritage Malta u l-Fondazzjoni Ċelebrazzjonijiet Nazzjonali.

Ixxandar: 6 ta' Ġunju 2019
Numru ta' jiem li fadallu fis-sit: 10 ġurnata
30 minuta

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN