Maltin Internati fl-Italja

Dan id-dokumentarju jirrakkonta l-istorja minsija tal-internament fl-Italja ta’ 2,000 Malti ta’ Tripli u li seħħet fit-Tieni Gwerra Dinjija.  Il-ġurnalist Mario Xuereb jżur uħud mis-siti fl-Italja fejn kien hemm kampijiet ta’ konċentrament u jibni l-istorja ta’ dak li seħħ b’referenza għal dokumenti li jinsabu fl-arkivji fl-Italja kif ukoll billi jintervista numru ta’ eks internati li għexu din l-esperjenza għal kważi ħames snin.  Għal ġenerazzjonijiet sħaħ, u minkejja l-okkupazzjoni tal-Libja mir-Renju tal-Italja, il-Maltin ta’ Tripli baqgħu jiftaħru bil-wirt Malti u bil-passaport Britanniku.  Hekk kif fis-snin 30 tas-seklu għoxrin, ir-relazzjonijiet bejn l-Imperu Ingliż u l-Italja Faxxista komplew jiħżienu, l-awtoritajiet Taljani fil-Libja għorkithom għajnhom mill-preżenza ta’ komunità mdaqqsa ta’ Maltin bil-passaport Britanniku f’dik li kienet kolonja Taljana.  Membri tal-komunità Maltija ġew implikati bi spjunaġġ għall-Ingliżi.  Qabel ma l-Italja ddikjarat gwerra kontra l-Ingilterra u Franza fl-10 ta’ Ġunju 1940, l-ewwel grupp ta’ Maltin Tripolini kienu diġa ġew internati u ntbagħtu l-Italja.  Uħud mill-Maltin tqegħdu f’villaġġi remoti fl-Appennini iżda l-maġġoranza assoluta tpoġġew f’kampijiet ta’ konċentrament fejn esperjenzaw l-agħar tal-gwerra inkluż in-nuqqas ta’ libertà, ġuħ, għera u stupri bi wħud iħallsu saħansitra b’ħajjithom.

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN