Umani

UMANI, bi produzzjoni u preżentazzjoni tal-ġurnalista ta’ TVM Maria Muscat, għandu l-għan li jwassal messaġġ ta’ tama u kuraġġ permezz tal-istejjer ta’ persuni li ġejjin minn aspetti differenti tal-ħajja. UMANI jippreżenta stejjer ta’ persuni li minkejja l-isfidi fil-ħajja tagħhom, irnexxielhom jegħlbuhom u llum qegħdin jagħtu l-kuraġġ u s-saħħa lill-oħrajn biex jagħmlu l-istess. UMANI għandu l-għan li jwassal messaġġ qawwi li l-akbar glorja tagħna mhix li qatt ma naqgħu, iżda li wara kull waqgħa nqumu aktar b’saħħitna.

Episode #2

Il-gurnalista Maria Muscat se tkun qed tlaqqagħna ma’ iktar nies li f’ħajjithom urew ħafna kuraġġ u li sal-lum għadhom iservu ta’ ispirazzjoni għal ħaddieħor. UMANI se jkun qed ilaqqagħna ma’ Pawlu Grima mir-Rabat, magħruf iktar bħala Mr Cool. Pawlu Grima llum għandu 68 u għal aktar minn għoxrin sena tella’ attivitajiet straordinarji fil-pubbliku, li permezz tagħhom wera s-saħħa tiegħu, fosthom ġbid ta’ karozzi b’xagħru, b’widnejh, u anki bi snienu. Saħansitra jerfa’ affarijiet tqal ħafna bħal fridges u magni tal-ħasil, u li jagħmel dan kollu biex jiġbor flus għal għaqdiet li jgħinu nies fil-bżonn fosthom Puttinu Cares, Malta Community Chest Fund, u Hospice. Fil-programm iżda joħroġ lat ieħor ta’ Pawlu Grima, li minkejja li għandu ħafna saħħa fiżika u forsi wieħed jaħseb li hu xi ‘bully’, Pawlu għandu qalbu żgħira ħafna u jemozzjona ruħu malajr. Fil-programm Pawlu jaqsam l-uġiegħ tiegħu meta tilef lill-għażiża martu Emma sitt snin ilu minħabba mard, u li kif kull filgħaxija jaqbad ir-ritratti tagħha u jibkiha kull meta jmidd rasu mas-sodda.

Ixxandar 13 t'Ottubru 2018
Jibqa' jintwera sa 23 ġurnata
30 minuta

IRREĠISTRA biex tirċievi l-aħħar aġġornamenti minn TVM

IRREĠISTRA HAWN